Sħubija fl-Alleanza “Bliet ta’ Portijiet Aktar Sikuri”
L-alleanza ‘Bliet ta’ Portijiet Aktar Sikuri’ (Städte Sicherer Häfen) ġiet stabbilita fl-14 ta’ Ġunju 2019 bħala parti mill-‘Kungress dwar Portijiet Sikuri’ (Sichere Häfen), organizzata mill-inizjattiva ‘Pont fuq il-Baħar’ (Seebrücke). Meta ġiet stabbilita kellha 12-il muniċipalità, u t-13-il waħda ssieħbet mal-alleanza matul il-kungress. Matul l-avveniment, il-bliet reġgħu talbu lill-gvern federali, u b’mod partikolari lill-Ministru Federali għall-Intern, biex mill-aktar fis possibbli jippermettu lil dawk l-awtoritajiet lokali u l-muniċipalitajiet, li lesti li jieħdu l-inkarigu, jaċċettaw persuni salvati f’diffikultà fuq il-baħar. Il-bażi komuni tal-alleanza hija d-Dikjarazzjoni ta’ Potsdam tat-3 ta’ Ġunju 2019. Ir-rappreżentanti tal-alleanza ‘Bliet ta’ Portijiet Aktar Sikuri’ jappellaw lil muniċipalitajiet oħra biex jingħaqdu mal-alleanza.
Proposta għal Deċiżjoni
Il-bnedmin kollha jitwieldu ħielsa u ugwali fid-dinjità u d-drittijiet. Huma mogħnija bir-raġuni u bil-kuxjenza u għandhom iġibu ruħhom ma’ xulxin bi spirtu ta’ fratellanza.
(Artikolu 1 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem)
Il-“bliet ta’ portijiet sikuri” iqisu l-akkoljenza ta’ persuni salvati fuq il-baħar bħala obbligu umanitarju. In-nuqqas ta’ ftehim dwar mekkaniżmu Ewropew ta’ distribuzzjoni huwa ta’ mistħija għall-Ewropa. Il-vittmi ta’ dan l-imblokk huma refuġjati li jinżammu f’kampijiet taħt kundizzjonijiet inumani. Il-bliet tagħna għandhom ikunu postijiet ta’ rifuġju għall-persuni li jfittxu l-għajnuna, il-protezzjoni u t-tama.
Fid-dawl tad-dmir umanitarju tagħna, irridu nesprimu Ewropa ta’ solidarjetà permezz tal-azzjoni tagħna lkoll flimkien. Diġà hemm ħafna bliet madwar l-Ewropa li lesti jospitaw ir-refuġjati.
Il-Kunsill Muniċipali jiddeċiedi kif ġej:
- Il-belt X tirrikonoxxi r-responsabbiltà tagħha li tgħin lin-nies li jkunu telqu minn djarhom minħabba gwerra, persekuzzjoni jew emerġenzi oħrajn u jfittxu rifuġju fl-Unjoni Ewropea.
- Il-belt X, bħal ħafna bliet oħrajn, tappoġġja l-inizjattiva „Seebrücke – schafft sichere Häfen!“ (Pont fuq il-baħar – oħolqu portijiet sikuri!) mill-Ġermanja u tiddikjara lilha nnifisha “port sikur”.
- Il-belt X taderixxi mas-sejħa ta’ “Bliet ta’ Portijiet Aktar Sikuri” u tinsab impenjata li tiżgura, permezz ta’ impenn politiku intensiv, trattament li jirrispetta d-dinjità u d-drittijiet ta’ dawk kollha li qed ifittxu protezzjoni fil-gżejjer Griegi, fil-Mediterran, fuq il-fruntieri Ewropej u fil-faċilitajiet Ewropej ta’ akkoljenza.
- Il-belt X tappoġġja l-użu tad-disponibbiltà min-naħa tal-muniċipalitajiet bħala possibbiltà ulterjuri biex jingħata asil lill-applikanti għall-protezzjoni mill-fruntieri esterni tal-Ewropa.
Il-“Bliet ta’ Portijiet Aktar Sikuri” għandhom ikunu simbolu ta’ integrazzjoni f’soċjetà moderna li tikkonsisti f’taħlita ta’ tliet elementi: Id-demokrazija, l-istat tad-dritt u kultura vibranti ta’ tolleranza u ftuħ għad-dinja.
Jekk il-belt tiegħek trid tissieħeb fl-alleanza u tiffirma d-deċiżjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil pes-goup@cor.europa.eu.