IFFirma l-PETIZZJONI HAWN
Is-sistema ta’ akkomodazzjoni tagħna hija miksura. Aktar minn 85 miljun persuna fl-Unjoni Ewropea huma mgħobbija żżejjed bl-ispejjeż tal-akkomodazzjoni. Hemm wisq nies li jgħixu fi djar ta’ kwalità baxxa jew dilapidati. Il-listi ta’ stennija għal akkomodazzjoni soċjali u affordabbli dejjem qed jitwalu. Il-faqar enerġetiku, l-evizzjoni u l-problema ta’ persuni mingħajr dar qed jheddu ħajjet miljuni ta’ ċittadini. U dawn l-inugwaljanzi – diġà severi – qed jiġu aggravati mill-COVID-19.
Wasal iż-żmien li nsolvu l-kriżi tal-akkomodazzjoni tagħna. Il-benesseri komuni tal-Unjoni tagħna tiddependi minn dan. Wasal iż-żmien li nikkunsidraw mill-ġdid l-aġenda tal-politika tal-UE biex l-akkomodazzjoni tingħata l-ispazju li jistħoqqilha.
Dar hija aktar minn indirizz postali, hija l-ambjent fejn ngħixu, inħobbu, nibnu l-futur tagħna u, dejjem aktar, naħdmu. Hija ankra għall-aċċess għall-impjiegi u opportunitajiet oħra. Hija spazju għall-mistrieħ ’il bogħod mill-pressjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum. Dar ta’ kwalità tajba u affordabbli għandha tkun dritt għaċ-ċittadini kollha b’implimentazzjoni ta’ mudell universalistiku ta’ akkomodazzjoni. Jekk nistgħu niksbu dan, nistgħu nagħmlu pass sinifikanti lejn l-iżgurar ta’ opportunitajiet indaqs u nsaħħu l-koeżjoni soċjali fl-Unjoni tagħna.
L-akkomodazzjoni għandha ssir prijorità ewlenija għall-Unjoni Ewropea u l-politiki kollha tagħha għandhom jikkontribwixxu għal akkomodazzjoni deċenti u affordabbli għal kulħadd. L-impenji mħaddna fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali m’għandhomx jibqgħu kliem vojt. L-objettivi soċjali, li ċ-ċittadini tagħna jkollhom is-setgħa li joħolqu flimkien l-ambjent tal-għajxien tagħhom, inkluża l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni, għandhom ikunu prijorità għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 fl-UE. L-għanijiet tal-akkomodazzjoni għandu jkollhom l-istess infurzabbiltà legali bħall-objettivi ekoloġiċi, il-konsolidazzjoni fiskali u l-istabbiltà finanzjarja.
L-investiment f’akkomodazzjoni affordabbli se jħallas id-dividendi. Huwa strument ewlieni fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u s-segregazzjoni territorjali; jgħin biex jinħolqu spazji ta’ għajxien inklużivi u biex jintlaħqu l-miri tal-klima (l-akkomodazzjoni tirrappreżenta 36 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effet ta’ serra tal-UE); u għandu impatt pożittiv fuq l-ekonomija lokali.
Aħna nemmnu f’Ewropa aktar koeżiva li tipproteġi lil kulħadd billi tiggarantixxi li ċ-ċittadini kollha jkollhom post deċenti fejn jgħixu, b’mod partikolari l-gruppi vulnerabbli. Aħna nemmnu li nistgħu ntaffu l-kriżi klimatika, fi sħubija maċ-ċittadini u l-komunitajiet tagħna, billi nibnu settur tal-akkomodazzjoni li jipprovdi djar effiċjenti fl-enerġija. Fil-livell lokali u reġjonali, aħna nemmnu li għandna nagħmlu dak kollu biex nippromovu komunitajiet inklużivi u kooperazzjoni innovattiva fl-akkomodazzjoni.
Qed nitolbu lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha għal:
- Patt Ewropew għall-Akkomodazzjoni b’sistema soda ta’ monitoraġġ tal-akkomodazzjoni fil-livelli Ewropej u nazzjonali li tinkludi l-awtoritajiet lokali u reġjonali;
- Aktar investimenti f’akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli biex tiġi rettifikata d-diskrepanza fl-investiment ta’ EUR 600 biljun f’dawn l-aħħar għaxar snin, biex jinbnew djar ġodda, biex titnaqqas il-marka tal-karbonju permezz tar-rinnovazzjoni u biex jinħolqu kwartieri abitabbli flimkien maċ-ċittadini tagħna;
- Impenn ċar li kwalunkwe investiment pubbliku fl-akkomodazzjoni għandu jwassal għal suq tal-akkomodazzjoni aktar ġust, b’investiment marbut ma’ kundizzjonijiet vinkolanti bħas-sigurtà tal-pussess u l-affordabbiltà;
- It-tmiem tal-miżuri ta’ awsterità, li jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jilliberaw l-investiment fl-akkomodazzjoni sabiex ikunu jistgħu jżidu l-provvista ta’ akkomodazzjoni soċjali suffiċjenti, adegwata u affordabbli għal kulħadd (il-limitu ta’ referenza għar-rata tal-piż eċċessiv tal-kost tal-akkomodazzjoni m’għandux ikun ogħla minn 25 % tal-introjtu disponibbli ta’ unità domestika);
- Bidla fl-Għajnuna mill-Istat, fir-regoli tal-UE tal-kontabbiltà u l-awditjar u l-integrazzjoni tal-akkomodazzjoni fil-lista ta’ Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali li jippermettu l-iżvilupp ta’ politiki komprensivi għall-akkomodazzjoni;
- Qafas Ewropew li jirregola l-impatt negattiv tal-pjattaformi diġitali fuq is-swieq tal-akkomodazzjoni;
- Impenn Ewropew biex jiġu indirizzati l-ispekulazzjoni u l-ħasil tal-flus fis-suq tal-akkomodazzjoni permezz ta’ reġistru ta’ trasparenza u l-istabbiliment ta’ sistemi lokali ta’ kontroll tal-prezzijiet tal-kera kif ukoll ir-regolazzjoni tas-suq tal-proprjetà immobbli;
- L-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni trid tiġi inkluża fis-Semestru Ewropew u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, u
- Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tas-Sħubija għall-Akkomodazzjoni tal-Aġenda Urbana tal-UE fit-tfassil tal-politiki futuri tal-UE relatati mal-akkomodazzjoni.
Firmatarji:
Christophe Rouillon, President tal-Grupp PSE fi ħdan il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Iratxe García Pérez, President tal-Grupp S&D fil-Parlament Ewropew
Sergei Stanichev, President tal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej
Heléne Fritzon, Membru tal-Parlament Ewropew
Agnes Jongerius, Membru tal-Parlament Ewropew
Estrella Durá Ferrandis, Membru tal-Parlament Ewropew
Manuel Pizarro, Membru tal-Parlament Ewropew
Maria Joao Rodrigues, President tal-Fondazzjoni Ewropea għall-Istudji Progressivi (FEPS)
Lásló Andor, Segretarju Ġenerali tal-Fondazzjoni Ewropea għall-Istudji Progressivi (FEPS)