22 March 2017
L-Ewropa tiegħi, drittijieti: Kompetizzjoni tar-ritratti organizzata mill-Grupp PSE fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

L-Ewropa tiegħi, drittijieti: Kompetizzjoni tar-ritratti organizzata mill-Grupp PSE fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Avvenimenti reċenti wrew li xejn, lanqas l-aktar drittijiet fundamentali tagħna, ma jistgħu jitqiesu bħala fatt komplut. Kemm fil-pajjiżi tal-UE kif ukoll lil hinn, fl-aħħar xhur kien hemm abbuż ta’ poter, vjolenza u attakki fuq id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u dan kollu poġġa f’riskju l-valuri essenzjali Ewropej. 

X’inhuma d-drittijiet fundamentali tagħna? Ta’ min jiġġieled għalihom? Għandna nirrinunċjaw għal ċerti drittijiet sabiex inżommu oħrajn? Hemm xi drittijiet li huma biss għal grupp magħżul ta’ nies u mhux għal kulħadd? Allura ddefendi drittijietek, aqbad il-kamera tar-ritratti tiegħek u ibda ħu r-ritratti! 

Il-kompetizzjoni tal-fotografija Ewropea “L-Ewropa tiegħi, drittijieti” tistieden fotografi dilettanti kif ukoll professjonali biex jaqbdu f’ritratt l-interpretazzjoni tagħhom ta’ din il-kwistjoni attwali ħafna. Sabiex il-parteċipanti jingħataw xi ideat li jisgħu jintużaw bħala ispirazzjoni, fis-sit tal-internet tal-kompetizzjoni, hemm “sħaba ta’ ispirazzjoni”.

Il-kompetizzjoni tibqa' għaddejja sat-30 ta’ Ġunju 2017 u hija miftuħa għar-residenti kollha tal-UE minn 18-il sena ’l fuq. 

Dan huwa ċ-ċans tiegħek biex tirbaħ sa EUR 2 000 f’tagħmir għall-fotografija tal-għażla tiegħek, kif ukoll vjaġġ kulturali ta’ tlitt ijiem fi Brussell għal żewġ persuni.

L-aħjar tliet ritratti ser jintgħażlu minn ġurija magħmula minn membri tal-Grupp tal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej (PSE) fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), li jirrappreżentaw awtoritajiet lokali u reġjonali differenti minn madwar l-UE kollha, u minn professjonisti mid-dinja tal-fotografija. Barra minn hekk, il-pubbliku ser ikun jista’ jagħżel ir-raba’ rebbieħ permezz ta’ votazzjoni onlajn fuq il-paġna tal-Facebook tagħna f’Settembru 2017. 

Ir-rebbieħa ser jitħabbru waqt ċerimonja tal-għoti tal-premijiet, li ser ikunu mistiedna għaliha, u li ser isseħħ fi Brussell fl-aħħar tliet xhur tal-2017.

Għal aktar tagħrif dwar il-kompetizzjoni u biex taċċessa l-materjal promozzjonali, jekk jogħġbok żur is-sit tal-internet tal-kompetizzjoni.

Ir-ritratti rebbieħa tal-kompetizzjonijiet tas-snin preċedenti huma disponibbli fuq il-kont Flickr tal-Grupp PSE tal-KtR.

Kuntatti: 

Samy Benomran 
Samy.benomran@cor.europa.eu 
+32 2 282 22 37

Katja Turck
Katja.turck@cor.europa.eu 
+32 2 282 21 69

Top