19 March 2018
‘Il-belt soċjali tiegħi’: Kompetizzjoni tar-ritratti organizzata mill-Grupp PSE fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

‘Il-belt soċjali tiegħi’: Kompetizzjoni tar-ritratti organizzata mill-Grupp PSE fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Il-bliet u l-irħula madwar l-Ewropa kollha - kemm jekk f’żoni urbani kif ukoll f’żoni rurali - qed jiġu ffaċċjati dejjem iktar b’inugwaljanzi soċjali akuti, kemm fil-qasam ta’ aċċess għas-saħħa, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni jew l-impjieg, il-kundizzjonijiet tax-xogħol jew l-integrazzjoni ta’ persuni żvantaġġati fis-soċjetà.

Kif nistgħu niżguraw li kulħadd iħossu parti mill-belt?  Kemm hi “soċjali” l-belt tiegħek u x’jista’ jsir biex issir post aktar inklużiv?  

Il-kompetizzjoni tal-fotografija Ewropea “Il-belt soċjali tiegħi” tistieden fotografi dilettanti kif ukoll professjonali biex jaqbdu f’ritratt proġetti soċjali u/jew relazzjonijiet soċjali fil-bliet u l-irħula tagħhom. Sabiex il-parteċipanti jingħataw xi ideat, ser issib "l-ispirazzjoni tiegħek" fuq is-sit tal-Grupp PSE

Il-kompetizzjoni tibqa' għaddejja sat-30 ta’ Ġunju 2018 u hija miftuħa għar-residenti kollha tal-UE minn 18-il sena ’l fuq. 

Dan huwa ċ-ċans tiegħek biex tirbaħ sa EUR 1 500 f’tagħmir għall-fotografija tal-għażla tiegħek, kif ukoll vjaġġ kulturali ta’ tlitt ijiem fi Brussell għal żewġ persuni.

L-aħjar tliet ritratti ser jintgħażlu minn ġurija magħmula minn membri tal-Grupp tal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej (PSE) fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), li jirrappreżentaw awtoritajiet lokali u reġjonali differenti minn madwar l-UE kollha, u minn professjonisti mid-dinja tal-fotografija. 

Ir-rebbieħa se jiġu mistiedna għal ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet li ser issir fi Brussell bejn Ottubru u Diċembru 2018.

Il-kompetizzjoni hija organizzata b’kooperazzjoni ma’ SOLIDAR​, in-Netwerk Ewropew ta’ Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili li jaħdmu biex jippromovu l-ġustizzja soċjali fl-Ewropa u fid-dinja.

Għal aktar tagħrif dwar il-kompetizzjoni u biex taċċessa l-materjal promozzjonali, jekk jogħġbok żur is-sit tal-Grupp PSE.

 

Kuntatti: 

Samy Benomran 

Samy.benomran@cor.europa.eu

+32 2 282 22 37

 

Katja Turck

Katja.turck@cor.europa.eu

+32 2 282 21 69

Top